Dwarna

Il-Proġett tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali

 

Dan huwa wieħed mill-akbar proġetti kapitali relatati ma’ spazji mħaddra, spazju li jagħti lura lill-poplu Malti u Għawdxi madwar 350,000 metru kwadru ta’ art. Dan il-proġett ġie mniedi f’nofs is-sena 2020, fil-bidu tal-pandemija, u tali proġett ilaħħaq spiża kapitali ta’ madwar 80 miljun ewro.

Dan il-proġett kien maqsum f’ħames fażijiet, jiġifieri:

1) Tisbiħ fl-Adventure Park;
2) Tisbiħ, riġenerazzjoni u estensjoni tal-Park Formali, dak li konna nafuh bħala l-Park Nazzjonali. Proġett li kien oriġinarjament imfassal mill-Perit Joseph Spiteri, iżda qatt ma kien konkluż;
3) Iż-żona tal-ispazju miftuħ u area għall-organizzazzjoni ta’ kunċerti, minflok eks fabbrika tal-konkrit;
4) Kostruzzjoni ta’ parkeġġ taħt l-art;
5) Tisbiħ u riġenerazzjoni tal-picnic area, camping site u trakka tal-jogging.

Ħ’Attard, Ta’Qali: Eżekuzzjoni tax-xogħlijiet relatati mal-estensjoni u t-tisbiħ tal-ġnien formali fil-Park Nazzjonali

Tkompla x-xogħol attwali mis-sena ta’ qabel, fosthom il-qlugħ tal-pavimentar eżistenti, il-formazzjoni ta’ bażijiet tal-konkos rinfurzat u t-tqegħid ta’ pavimetar ġdid tat-tip cenia f’diversi żoni u partijiet tal-ġnien.

Tkompla wkoll ix-xogħol fuq it-Teatru Grieg. Tlestew il-ħitan minn barra u minn ġewwa kif ukoll twettaq il-paviment tat-tip in-situ quartz terrazzo. Dawn il-faċilitajiet ġew konvertiti f’gallerija tal-arti/spazju għal esibizzjonijiet u uffiċini oħra relatati mal-istess spazju u mal-amministrazzjoni u s-sigurtà tal-ġnien.

Tkompla u tlesta wkoll xogħol fuq wara tat-teatru, partikolarment il-palk u l-faċilitajiet li jiġu taħt l-istess palk, sabiex dawn iż-żoni saru aċċessibbli għal nies b’diżabilità u anke jilħqu kriterji u regolamenti kontra n-nirien. Saru diversi alterazzjonijiet strutturali u ġie installat lift għal aktar acċċessibilità. Tlestiet ukoll is-sala li tista’ tintuża għal diversi funzjonijiet, wcs, showers u diversi faċilitajiet oħra relatati, sabiex ikunu jistgħu jittellgħu produzzjonijiet ġewwa dan it-teatru miftuħ.

Tkompla u tlesta wkoll xogħol estensiv fuq is-sistema tal-culverts għas-servizzi madwar il-ġnien kollu. Ta’ min jgħid ukoll li dawn kienu maħsubin li wieħed ikun jista’ jimxi fihom sabiex ma ssir l-ebda ħsara lill-pavimentar tal-ġnien waqt tiswijiet u żidiet ta’ servizzi fil-futur. Ma’ dan wieħed irid jinkludi xogħol ieħor ta’ trinek u servizzi estensivi madwar diversi żoni ġewwa Ta’ Qali – maħsubin biex jitimgħu u jaqdu d-diversi proġetti li ser jitwettqu ġewwa ta’ Qali fil-futur.

Sar ukoll ir-restawr estensiv tal-portiku maġġur. Tpoġġa wkoll pavimentar tal-qawwi tat-tip cenia fuq dan il-portiku u tlestew ukoll id-diversi kmamar u wcs li jiffurmaw parti minn din il-binja. Tlestiet l-installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dawl sabiex tinħareġ aħjar is-sbuħija ta’ dawn l-ispazji.

Sar ukoll xogħol fuq spustar ta’ siġar u anke qlugħ ta’ siġar u arbuxxelli sabiex setgħet issir l-estensjoni u t-tkabbir ta’ dan il-ġnien.

Fl-imsemmija estensjoni tal-ġnien sar xogħol ta’ tqegħid u tballit ta’ materjal u formazzjoni ta’ sodda tal-konkos rinfurzat sabiex iktar tard ġie mqiegħed il-wiċċ ta’ exposed aggregate concrete. Dan sar b’dan il-materjal u mhux bil-materjal tal-kumplament tal-ġnien sabiex din iż-żona tinqara u tiddistakka ruħha bħala estensjoni minn disinn oriġinali u l-kumplament tal-ġnien.

Tlesta wkoll il-bini ta’ kmamar u garaxxijiet għall-użu tal-amministraturi futuri tal-Park Nazzjonali. Din il-binja kienet maħsuba sabiex tieħu xi vetturi, għodod u/jew makkinarju u provvisti relatati mal-manteniment tal-park fil-futur.

Sar ukoll il-bini u t-tlestija tat-tielet sub-station tal-elettriku, maħsuba li titma’ lill-istess park. Inbnew ukoll erba kiosks li ġew inkorporati fis-sit tal-park. Tnejn minn dawn ser ikunu ħwienet, possibbilment xi kafetteriji, u tnejn bħala latrini. Dawn tal-aħħar, jiġifieri l-latrini, tlestew ukoll minn kollox sabiex iservu lill-viżitaturi tal-park.

Inbniet ukoll kamra għall-pompi tas-sistema tal-irrigazzjoni u saru alterazzjonijiet estensivi fuq il-kamra tal-pompi tal-funtana prinċipali tal-ġnien.

Tul il-proġett saru spezzjonijiet regolari sabiex jiġi żgurat li x-xogħol qiegħed jitwettaq skont il-kuntratt. Saru diversi bidliet, kemm fid-disinn u anke fid-dettall, skont il-ħtieġa u saru diversi pjanti dettaljati mal-andament tax-xogħlijiet. Ix-xogħol involva wkoll dak kollu marbut mal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt tal-bini u t-tlestija, inkluż ċertifikazzjoni tax-xogħol lest għall-ħlas, spezzjonijiet regolari, testing ta’ diversi materjali, konsultazzjonijiet u laqgħat regolari ma’ diversi persuni involuti, fosthom il-klijent, il-kuntrattur, diversi inġiniera u l-entitajiet kollha relatati.

Ix-xogħol huwa lest ħlief għat-tentufiet, u mistenni jitlesta għalkollox għall-ħabta ta’ Jannar/Frar 2023.

Ħ’Attard: Bini ta’ Parkeġġ fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali

Il-proġett jinvolvi l-bini ta’ parkeġġ kbir taħt l-art ta’ żewġ sulari. Ix-xogħlijiet bdew riċentament u bħalissa qed isiru żjarat fuq il-post kemm mal-kuntrattur kif ukoll mat-3rd parties involuti. Ix-xogħlijiet qed jiġu spezzjonati kontinwament biex jiġi żgurat li l-kuntrattur qed jaħdem skont il-kuntratt.

 

Ħ’Attard: Bini ta’ parkeġġ u bike park track fil-Park Nazzjonali f’Ta’Qali

Tlestew ix-xogħlijiet ta’ skavar tas-sit biex jinbena parkeġġ ta’ żewġ sulari taħt l-art għall-użu tal-viżitaturi tal-Park Nazzjonali u ta’ faċilitajiet bħall-Istadium Nazzjonali, il-padiljun tal-basketball, il-Mużew tal-Avjazzjoni u l-area tal-kunċerti. Fuq is-saqaf tiegħu hu maħsub li ser isir bike park.

Dawn ix-xogħlijiet, li saru permezz ta’ ħruġ ta’ tender, ikkonsistew fi tneħħija ta’ Nissen Huts u skavar tas-sit.

Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq is-sit inbdew u jikkonsistu fi skavar ta’ pedamenti, kemm għall-kolonni kif ukoll għall-ħitan tal-ilqugħ tat-toroq maġenb il-proġett.

Peress li parti minn dan it-tender intrebħet b’design and build, saru diskussjonijiet ma’ konsulent inġinier strutturali mqabbad mill-kuntrattur biex jissottometti pjanti għal frame structure, jiġifieri pjanti strutturali għall-pedamenti ta’ kolonni, il-kolonni nfushom, travi u soqfa.

Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni nbdew f’Ottubru 2022 u għandhom jiġu kompluti fis-sena 2024.